Wednesday, June 18, 2008

REGOLA TA' L-ORDNI FRANĠISKAN SEKULAR

Regola ta’ l-Ordni Franġiskan Sekulari (OFS)

Prologu
Tħeġġiġ u Twiddib ta’ San Franġisk lill-Aħwa tal-Penitenza, irġiel u nisa tal-Penitenza


F’Isem il-Mulej!

Dwar dawk li jagħmlu penitenza

Dawk kollha li jħobbu ’l-Mulej b’qalbhom kollha, b’ruħhom kollha u b’moħħhom kollu, u bis-saħħa kollha tagħhom (Mk 12,30), u li jħobbu lil għajrhom bħalhom infushom (Mt 22,9), u jobogħdu lil ġisimhom bil-vizzji u d-dnubiet, u jirċievu il-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu, u jagħmlu frott xierqa ta’ penitenza; O kemm ħienja u mbierka huma l-irġiel u nisa meta jagħmlu dawn l­affarijiet u jikomplu jagħmluhom.
Għax l-Ispirtu tal-Mulej jistrieħ fuqhom (Is 11,2), u Hu jwaqqaf daru u jgħammar fihom (Ġw 14,23). Huma wlied il-Missier tas-smewwiet (Mt 5,45), li jagħmlu l-egħmejjel tiegħu, u huma agħrajjes, Aħwa u ommijiet tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu (Mt 12,50). Aħna agħrajjes, meta r-ruħ fidila tingħaqad mal-Mulej tagħna Ġesù Kristu bl­Ispirtu s-Santu. Aħna ħutu, meta nagħmlu r-rieda tal-Missier li qiegħed fis-smewwiet (Mt 12,50). Aħna ommijiet, meta nġorruh f’qalbna u f’ġisimna (1Kor 6,20) permezz ta’ mħabba divina u kuxjenza safja u sinċiera u meta nwellduh bl-egħmejjel qaddisa tagħna, li għandhom jiddu quddiem l-oħrajn bħala eżempju (Mt 5,16).
O kemm hi ħaġa glorjuża, kemm hi qaddisa u kbira li jkollok Missier fis-smewwiet! O kemm hi ħaġa qaddisa, ta’ faraġ, sabiħa u ta’ l-għaġeb li jkollok Għarus! O kemm hi ħaġa qaddisa u ta’ min iħobbha, magħġuba, umli, ta’ sliem, ħelwa, ta’ min jgħożża u ta’ min jixtieqa fuq kollox li jkollok Ħuk u Iben bħal dan, il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li ta ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (Ġw 10,15), u talab lill-Missier u qal: Missier qaddis, ħarishom f’ismek (Ġw 17,11) lil dawk li inti tajtni fid-dinja; kienu tiegħek u inti tajthom lili (Ġw 17,6). U l-kliem li int tajt lili, jien tajtu lilhom: u huma laqgħuh u emmnu tassew li jiena ħriġt minnek u għarfu li inti bgħattni (Ġw 17,8). Jien għalihom nitlob, ma nitlobx għad-dinja (Ġw 17,9). Berikhom u qaddishom (Ġw 17,17) u jiena minħabba fihom inqaddes lili nnifsi (Ġw 17,19). 18. Miniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom (Ġw 17,20), biex huma jitqaddsu u jkunu ħaġa waħda (Ġw 17,23) kif aħna ħaġa waħda aħna (Ġw 17,11). Missier, irrid li huma wkoll inkun fejn inkun jien, biex jaraw il-glorja tiegħi (Ġw 17,24) fis-saltna tiegħek (Mt 20,21). Amen.

Dwar dawk li ma jagħmlux penitenza

Dawk l-irġiel u n-nisa kollha, li ma jgħixux fil-penitenza, u ma jirċievux il-Ġisem u d-Demm ta’ l-Mulej Ġesù Kristu, u li jwettqu vizzji u dnubiet, u jimxu wara l-ġibda ħażina (Kol 3,5) u x-xewqat tal-ġisem (Gal 5,16), u ma jħarsux dak li wegħedu lill-Mulej, u li b’ġisimhom jaqdu d-dinja bil-ġibdiet żienja tagħhom (1Pt 2,11), u għat-tħabrik tad-dinja u l-ħsibijiet ta’ din il-ħajja: dawn huma miżmumin lsiera mix-xitan, li tiegħu huma wlied u jagħmlu l-egħmejjel tiegħu (Ġw 8,41). Huma għomja, għax ma jarawx id-dawl veru, il-Mulej tagħna Ġesù Kristu. M’għandhomx l­għerf spiritwali, għax m’għandhomx l-Iben ta’ Alla li hu l-veru għerf tal-Missier. Dwar dawn in-nies jingħad: Il-għerf tagħhom ma swielhom xejn (Salm 107,27) u misħutin dawk li jitbegħedu mill-kmandamenti tiegħek (Salm 118, 21). Jaraw u jagħarfu, jafu li qed jagħmlu l-ħażin, u jibqgħu jagħmluh u b’hekk jitilfu ruħhom.
Iftħu għajnejkom, intom għomja, li intom imqarrqin mill-egħdewwa tagħna: il-ġisem, id-dinja u x-xitan. Għax hu ħelu għall-ġisem li jwettaq id-dnub, imma morr għalih li jaqdi ’l Alla, għax kull ħażen, il-vizzji u d-dnubiet jiġu u joħorġu mill-qalb tal-bniedem, kif igħid il-Mulej fil-Vanġelu (Mk 7,21). U intom m’għandkom xejn la f’din id-dinja u lanqas fl-oħra. Intom taħsbu li għandkom il-frugħat ta’ din id-dinja għal ftit ta’ żmien, imma intom imqarrqin, għax il-jum u s-siegħa jaslu fuqkom bla ma taħsbu fihom, u li dwarhom ma tagħarfu xejn u m’għandkom l-ebda ħjiel (Mt 25,13); Il-ġisem jimrad, il-mewt toqrob, u hekk il-bniedem jagħmel mewta ħarxa.
U ma jgħoddx fejn jew meta jew kif l-bniedem imut, jekk imut fil-ħtija tad-dnub bla ndiema u bla tpattija għal dnubietu kemm-il darba setgħa jpatti u ma jpattix - ix-xitan jaħtaf lir-ruħu minn ġo ġismu b’tant dieqa u tbatija tant kbira li ħadd ma jista’ jfissirhom jekk ma jġarrabhomx. U kull talent u qawwa u għerf li jaħseb li jkollu (2Kron 1,12), jittieħdulu (Lq 8,18, Mk 4,25). U kull ma jħalli lil qrabatu u ħbiebu jaħtfulu kollox u jqasmuh bejniethom. U wara jgħidu: “Ħa tkun misħuta ruħu! Għax seta’ kiseb aktar u ħallilna aktar ġid milli tana.” U d-dud jieklulu ġismu. U b’hekk jitlef ġismu u ruħu fi żmien qasir, u jmur dritt fl-infern fejn jiġi tturmentat għal dejjem.
F’gieħ l-imħabba, li hu Alla (1Ġw 4,16), nitolbu lil dawk kollha li taslilhom din l-ittra, biex jilqgħu bil-qalb u b’imħabba divina, l-kliem ifewwaħ tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, miktub hawn fuq. U dawk li ma jafux jaqraw, jifittxu minn jaqrahomlhom ta’ sikwit. U għaliex huma spirtu u ħajja (Ġw 6,64), għandhom iħarsuhom flimkien mal-mod qaddis li jaħdmu sa l-aħħar ta’ ħajjithom.
U kull min ma jagħmilx dawn il-ħwejjeġ hekk, irid jagħti kont f’Jum il-Ħaqq (Mt 12,36) quddiem it-tribunal tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu (Rum 14,10).

--------------------------------------------------------------------------------
Kapitlu I
L-ORDNI FRANĠISKAN SEKULARI (OFS).


1. Fost il-familji spiritwali li l-Ispirtu s-Santu qajjem fi ħdan il-knisja1 dik Franġiskana tgħaqqad flimkien dawk il-membri kollha tal-Poplu ta’ Alla - lajċi, reliġjużi u saċerdoti – li imsejħin biex jimxu wara Kristu, fuq il-passi ta’ San ta’ Franġisk ta’ Assisi.2
Taħt għamliet u suriet waħda mhux bħal oħra, iżda f’għaqda bejniethom, dawn iridu jaħdmu biex tinħass il-kariżma tas-Serafiku Missierhom, komuni għalihom ilkoll, fil-ħajja u tal-Knisja.3

2. Fi ħdan l-imsemmija familja, l-Ordni Franġiskan Sekular għandu post għalih. Dan jitqies bħala għaqda, waħda u organika, tal-fraternitajiet kattoliċi mxerrdin mad-dinja. Jiftaħ dirgħajh, u jilqa’ fih kull kwalità ta’ nsara. L-Aħwa, irġiel u nisa li huma mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu biex jilħqu l-perfezzjoni ta’ l-Imħabba skond l-istat tagħhom fid-dinja. U dan, permezz tal-Professjoni li biha jħabirku bier igħixu l-Vangelu fuq l-eżempju ta’ San Franġisk u bil-ħarsien ta’ din ir-Regola, imwettqa mill-Knisja.4

3. Din ir-Regola, wara l-“Memoriale Propositi” (1221) u wara r-regoli mwettqin mill-Papiet Nikol IV u Ljuni XIII, qiegħda l-Ordni Franġiskan Sekular għall-ħtiġiet u x-xewqat tal-Knisja Mqaddsa, skond iż-żminijiet u t-tibdil li jġibu magħhom. Imiss lis-Santa Sede li tagħti t-tifsir tagħha. L-applikazzjoni ssir skond il-Kostuzzjonijiet Ġenerali u skond l-istatuti partikulari.

Kaptilu II
Għamla ta’ Ħajja tal-Franġiskani Sekulari

4.
Ir-regola tal-Franġiskani sekulari hi din: li jħarsu l-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù billi jimxu fuq l-eżempju ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li fl-imġieba ta’ ħajtu lejn Alla u lejn il-bnedmin, għamel lil Kristu l-ħsieb u l-qofof ta’ kollox.5
Kristu, glorja ta’ l-imħabba tal-Missier, hu t-Triq li twassal għandu; hu il-Verità li l-Ispirtu s-Santu jdaħħalna fiha; hu l-Ħajja li Hu ġie biex jagħti u jagħtiha bil-kotra.6
Barra minn dan, il-Franġiskani sekulari għandhom jagħmlu ħilithom u jaqraw ta’ sikwit il-Vanġelu biex hekk igħaddu mill-Vanġelu għall-ħajja u mill-ħajja għall-Vanġelu.7

5. Il-Franġiskani Sekulari, għalhekk, għandhom ifittxu l-persuna ħajja u attiva ta’ Kristu fl-Aħwa, fil-Kotba Mqaddsa, fil-Knisja u fil-liturġija. Jalla l-fidi ta’ San Franġisk li qanqlitu jgħid dan il-kliem: “F’din id-dinja, bl-għajnejn tiegħi tal-ġisem ma narax mill-istess Iben ta’ Alla l-Aktar Għoli ħlief il-Ġisem u d-demm wisq imqaddes tiegħu”, tnebbaħhom u tagħti xejra ’l ħajja tagħhom ewkaristika.

6. Midfunin u mqajmin ma’ Kristu fil-Magħmudija li tagħmilhom membri ħajjin tal-Knisja u marbutin b’akbar għożża magħha bil-Professjoni, għandhom ikunu xhieda u għodda tagħha fost il-bnedmin, billi jħabbru ’l Kristu bl-għemil u bil-kelma tagħhom.
Imnebbħin minn San Franġisk u msejħin miegħu għat-tigdid tal-Knisja, jagħmlu ħilithom biex igħixu l-għaqda sħiħa mal-Papa, ma’ l-isqfijiet u mas-Saċerdoti billi jiftħu djalogu sinċier u mimli tama ta’ apostolat bnin li jrodd il-frott.8

7. Bħala “Aħwa tal-penitenza, irġiel u nisa”9, bis-saħħa tal-vokazzjoni tagħhom, u mkaxkrin mill-qawwa tfur tal-ħajja tal-Vanġelu, għandhom iqabblu l-ħsieb u l-egħmil tagħhom mal-ħsieb u l-egħmil ta’ Kristu. Dan isir bis-saħħa ta’ bidla mill-qiegħnett li sseħħ fir-ruħ, li l-Vangelu jsejjaħ bl-isem ta’ “konversjoni”, li, minħabba li l-bniedem hu dgħajjef, trid issir kuljum.10
F’din il-mixja ta’ tiġdid, is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni huwa sinjal l-aktar bnin tal-ħniena tal-Missier u għajn ta’ grazzja.11

8. Bħalma Ġesù kien il-veru adoratur tal-Missier, hekk għandhom jagħmlu mit-talb u mill-kontemplazzjoni l-qofol tal-ħajja u tal-ħidma tagħhom.12
Għandhom jieħdu sehem fil-ħajja sagramentali tal-knisja, l-aktar l-Ewkaristija, jingħaqdu fit-talb liturġiku, f’xi waħda mill-għamliet li trid il-knisja. B’hekk jgħixu l-misteri tal-ħajja ta’ Kristu.

9. Il-Verġni Marija, il-qaddejja umli tal-Mulej, dejjem lesta għall-kelma u s-sejħat tiegħu kollha, kienet meqjuma minn Franġisku b’imħabba liema bħala u maħtura minnu bħala l-Protettriċi u l-Avukata tal-Familja tiegħu13. Il-Franġiskani sekulari għandhom jagħtu xhieda ta’ imħabbithom lejha billi jixbħuha fl-ubbidjenza sħiħa tagħha u fil-ħeġġa tat-talb tagħha – talb ta’ għarfien u tama14.

10. Magħqudin ma’ ubbidjenza fejjieda ta’ Ġesù, li ħalla r-rieda tiegħu f’idejn il-Missier, għandhom iħarsu bil-fedeltà kollha d-dmirijiet tagħhom skond il-qagħda ta’ kull wieħed u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja15. Jimxu wara Kristu, fqir u msallab, billi jistqarruh ukoll fis-siegħa ta’ għawġ u l-persekuzzjonijiet16.

11. Kristu, li kellu tama bla tarf fil-Missier, għażel għalih u għal Ommu, ħajja fqira u umli17 għalkemm kien jaf iqis is-siwi tal-ħolqien ta’ madwaru b’attenzjoni u mħabba. Hekk ukoll il-Franġiskani sekulari, meta jiġu biex jinqdew bil-ħwejjeġ tad-dinja jew iċċaħdu minnhom, għandhom ikollhom sens ta’ għażla ġusta, billi ma jkunux marbuta wisq mal-ħtiġijiet materjali. Imbagħad, għandhom iġibu quddiem għajnejhom li, kif jgħallem il-Vanġelu, huma amministraturi tal-ġid li rċevew b’riżq ulied ta’ Alla.
Hekk, fl-ispirtu tal-“beatitudini” jagħmlu ħilithom kollha biex iħarsu qalbhom minn kull ġibda u rebgħa ta’ proprietà u ħakma. U dan jagħmluh bħala “pellegrini u barranin” fi triqhom lejn Dar il-Missier16.

12. Xhieda ta’ ġid li għad irid jiġi, u mħabba l-vokazzjoni li ħaddnu, fid-dmir li jikbsu s-safa tal-qalb, għandhom b’hekk jirrendu ruħhom ħielsa għall-imħabba ta’ Alla u ta’ l-Aħwa19.

13. Bħalma l-Missier jara f’kull bniedem is-sura xbieha ta’ Ibnu il-kbir fost l-Aħwa20, hekk il-Franġiskani sekulari għandhom jilqgħu ’l bnedmin kollha b’qalb ħelwa u umli, bħala glorja tal-Mulej21 u xbieha ta’ Kristu.
Is-sens ta’ Fraternità jagħmilhom ħienja u lesti biex jitħalltu mingħajr kburija mal-bnedmin kollha, l-aktar maż-żgħar nett, li għalihom jagħmlu ħilithom kollha biex joħolqulhom kundizzjonijiet ta’ ħajja li tixtraq lill-ħlejjaq mifdija minn Kristu22.

14. Imsejħin, flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex jibnu dinja aktar fraterna u evanġelika, ħalli b’hekk isseħħ is-saltna ta’ Alla; ukoll, waqt li kull min jimxi wara Kristu, il-bniedem perfett, isir hu wkoll bniedem aktar sħiħ, jagħmlu dmirijiethom sewwa fi spirtu nisrani ta’ qadi23.

15. Għandhom ikunu preżenti bix-xbieha ta’ ħajjithom bħala bnedmin u wkoll b’inizjattivi kuraġġużi sew individwali u sew komunitarji. U dan, biex il-ġustizzja tikber u timxi ’l quddiem l-aktar fll-qasam tal-ħajja pubblika. Jagħmlu ħilithom għalhekk li l-għażla tagħhom tkun konkreta u taqbel mat-twemmin religjuż tagħhom24.

16. Iqisu x-xogħol bħala don u bħala sehem mill-Ħolqien, mill-fidwa u mill-qadi tal-komunità tal-bnedmin25.

17. Fi ħdan il-familja, għandhom igħixu l-ispirtu Franġiskan ta’ paċi, fedeltà u rispett għall-ħajja. B’hekk ikunu qed iħabirku biex jagħmlu mill-familji tagħhom sinjali u xhieda ta’ dinja ġa mġedda fi Kristu26.
L-aktar imbagħad il-miżżewġin, waqt li jkunu jgħixu l-grazzja taż-żwieġ, għandhom jagħtu xhieda fid-dinja ta’ l-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu. Bi trobbija nisranija, sempliċi u għaqlija, b’għajnejn miftuħa fuq il-vokazzjoni ta’ kull membru tal-famjlja, dawn il-miżżewġin jimxu ferħanin ma’ wliedhom il-vjaġġ uman u spiritwali tagħhom27.

18. Juru rispett, ukoll lejn il-ħlejjaq kollha, sew dawk tar-ruħ u sew dawk bla ruħ, għaliex “ix-xbieha ta’ l-Aktar Għoli naraw fihom”28. U jagħmlu ħilithom biex jaħarbu t-tentazzjoni ta’ l-isfruttament billi jrawmu fihom il-ħsieb Franġiskan li l-bnedmin tad-dinja huma lkoll Aħwa.

19. Bħala dawk li jwasslu l-paċi u li għandhom quddiem għajnejhom li dil-paċi trid tibqa’ tinbena bla tieqaf, huma fid-dmir li jfittxu t-toroq ta’ l-għaqda u tal-ftehim fratern. Dan iseħħ permezz tad-djalogu, b’qalbhom qawwija li fil-bniedem hemm ix-xrara ta’ Alla u li l-imħabba u l-maħfra għandhom il-qawwa li jgeddu kollox29.
Bħala ħabbâra ta’ l-ogħla ferħ, għandhom ifittxu, f’kull ċirkustanza tal-ħajja, li jwasslu ’l oħrajn il-ferħ u t-tama30.
Imberkin ma’ Kristu fil-Qawmien glorjuż tiegħu, li jagħti tifsira sħiħa lil Oħtna l-Mewt, iħarsu bis-sliem lejn l-aħħar jum meta jiltaqgħu mal-Missier31.

Kapitlu III
Il-Ħajja ta’ l-Aħwa

20.
L-0rdni Franġiskani Sekular jinqasam fraternitajiet ta’ diversi liveli: lokali, reġjonali, nazzjonali, u internazzjonali. Kull waħda minnhom għandha l-personalità morali tagħha fil­Knisja32. Dawn il-fraternitajiet ta’ livell differenti minn xulxin huma marbutin u magħqudin bejniethom skond ir-Regola u l-Kostituzzjonijiet.

21. Ikun xi jkun il-livell tagħha, kull fraternità hi mħarsa b’ħeġġa u mmexxija minn Kunsill u minn Ministru (President). Dawn jintgħażlu mill-Professi, kif jitolbu l-Kostituzzjonijiet33.
Is-servizz tagħhom, li jintemm wara żmien, hu xogħol siewi ta’ responsabbilità li jrid juri li huma dejjem lesti jaqdu ’l kull wieħed mill-Aħwa jew ’l-Aħwa flimkien.
Il-fraternitajiet, fil-qalba tal-formazzjoni tagħhom, jitfasslu kif jitolbu l-Kostituzzjonijiet b’modi differenti skond il-ħtiġijiet ta’ l-imseħbin u tal-postijiet fejn ikunu, dejjem taħt it-tmexxija tal-Kunsill tagħhom.

B Il-fraternità lokali għandha titwaqqaf skond il-liġijiet tal-Knisja; b’hekk issir l-ewwel xrara ħajja ta’ l-Ordni kollu u sinjal li jidher tal-Knisja, komunità ta’ mħabba. Din il-fraternità għandha tkun il-post privileġjat fejn jikbru u jitkattru s-sens ekkleżjali u l-vokazzjoni Franġiskana, u fejn titħeġġeġ il-ħajja apostolika fl-imseħbin kollha34.

23. It-talbiet għad-dħul fl-Ordni Franġiskan Sekular isiru lil waħda mill-fraternitajiet lokali, li l-Kunsill tagħha jaqtagħha jekk jilqax Aħwa ġodda35.
Id-dħul u s-sħubija jseħħu billi jkun hemm żmien ta’ bidu, żmien ta’ formazzjoni li jtul ta’ l-anqas sena, u l-Professjoni tar-Regola36. Il-fraternità hi marbuta biex tħares fuq dawn it-tliet iżmna, ukoll fil-mod tagħha kif tgħix. Dwar l-età meħtieġa għall-Professjoni, u jekk hemmx sinjali ċari ta’ vokazzjoni Franġiskana, wieħed irid jimxi skond l-Istatuti37.
Minnha nnifisha, il-Professjoni hi dmir għal dejjem38. L-imseħbin li jħabbtu wiċċhom ma’ xi twegħir, jistgħu jitkellmu dwar dawn il-problemi tagħhom mal-Kunsill. U dan isir fi djalogu bejn l-Aħwa. Il-ħrug jew it-tkeċċija għal kollox mill­Ordni, jekk tabilħagq ikun meħtieg, imissu ‘l-Kunsill tal-fraternità, skond il-Kostituzzjonijiet39.

24. Biex titkattar l-għaqda bejn l-imseħbin, il-Kunsill għandu jorganizza laqgħat mina żmien għal żmien, u laqgħat oħra ta’ sikwit, ukoll ma’ gruppi Franġiskani oħrajn, l-aktar taż-żgħażagħ. F’dawn il-laggħat iridu jintgħażlu mezzi l-aktar siewja biex ikabbru l-ħajja Franġiskana u ekkleżjali, billi jħeġġu lil kull imsieħeb għall-ħajja ta’ l-Aħwa40. Din l-għaqda tissokta wkoll ma’ l-Aħwa mejtin bl-offerta ta’ suffraġi għal ruħhom41.

25. Għall-ispejjeż meħtieġa, sew għat-tmexxija tal-fraternità, sew għal dawk meħtieġa għall-kult u għall-apostolat ta’ karità, l-Aħwa kollha, irġiel u nisa, għandhom jagħtu s-sehem tagħhom skond kemm wieħed jista’. Il-fraternitajiet lokali mbagħad, jieħdu ssieb li jagħtu s-sehem tagħhom għall-ispejjeż tal-Kunsilli tal-fraternità ta’ grad akbar minnhom42.

26. B’sinjal li jixhed tabilħaqq għaqda u korresponsabbilità l­Kunsilli kollha ta’ liema livell huma, skond il-Kostituzzjonijiet, għandhom jitolbu lis-Superjuri ta’ l-erba’ Familji Religjużi Franġiskani, li magħhom ilha marbuta għal mijiet ta’ snin sħaħ il-Fraternità Sekulari, Religjużi xierqa u mħejjija tajjeb biex ikunulhom ta’ għajnuna spiritwali.
Biex iħeġġeġ il-fedeltà lejn il-kariżma u l-ħarsien tar-Regola, u biex ikollu għajnuniet akbar fil-ħajja tal-fraternità, il-ministru jew il president, bi ftehim sħiħ mal-Kunsill, għandu jħabrek li, minn żmien għal ieħor, jitlob lis-Superjuri Relijużi kompetenti jagħmlu viżta pastorali43; jitlob ukoll viżta fraterna li ssir minn dawk li, billi huma mqiegħda fi grad għoli, imiss lilhom li jagħmluha skond il-Kostituzzjonijiet.

“U Kull min iħares dan kollu, ikun mimli bil-barka tal-Missier l-aktar Għoli, u fuq l-art ikun mimli bil-barka ta’ l-Iben Maħbub tiegħu flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu Paraklitu…”
(Barka ta’ San Franġisk, mit-Testment)
-----------------------------------------------
Noti

1. Vat II,LG, 43
2. Piju XI Diskors lit-Terjarji, fl-1 ta’ Lulju 1956.
3. Vat II, AA, 4.
4. Drittu Kanoniku, 702,1.
5. 1 Celano,18.
6. Ġw 3,16, 14,6.
7. AA, 30b.
8. Pawlu VI, Diskors lit-Terzjarji tad-19 ta’ Mejju 1971.
9. I Reg. TOF.
10. 11 Vat II, LG 8, UR 4.
11. Vat II, PO 18b.
12. AA, 4abc.
13. II Celano 198.
14. LG 678, AA 4.
15. LG 41.
16. LG 42.
17. I Ittra lil Fidili, 5.
18. Rum 8,17, LG 7,4
19. Twissijiet XVI, I Ittra 70.
20. Rum 8,29.
21. II Cel. 85, I Ittra 26, Rnb 7,13.
22. Rnb 9,3, Mt 25,40.
23. LG 31, VatII GS 93.
24. AA 14.
25. GS 67,2, RnB 7,4, Rb 5,1.
26. Reg Ljun XIII, II,8.
27. LG 41, AA 30bc.
28. I Celano 80.
29. Reg. Ljun XIII, II,9 Leg. 3 Comp. 14, 58.
30. Twissijiet XXI; Rnb 7,15.
31. GS 78,1-2.
32. Drittu Kan. 687.
33. Drittu Kan. 697.
34. Piju XII, Diskors, 3.
35. Kan. 694.
36. I Reg TOF 29-30.
37. I Cel. 22.
38. I Reg. TOF, 31.
39. Kan. 696.
40. Kan. 697
41. I Reg.TOF, 23.
42. I Reg TOF, 20.
43. II Reg TOF, XVI.

No comments: